search


keyboard_tab Digital Service Act 2022/2065 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/2065 MT cercato: '   il-bord' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index    il-bord:

    KAPITOLU I
    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    KAPITOLU II
    RESPONSABBILTÀ TAL-FORNITURI TAS-SERVIZZI INTERMEDJARJI

    KAPITOLU III
    OBBLIGI TAD-DILIĠENZA DOVUTA GĦAL AMBJENT ONLINE TRASPARENTI U SIKUR

    TAQSIMA 1
    Dispożizzjonijiet applikabbli għall-fornituri kollha ta' servizzi intermedjarji

    TAQSIMA 2
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' servizzi ta' hosting, inklużi l- pjattaformi online

    TAQSIMA 3
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għal fornituri ta' pjattaformi online

    TAQSIMA 4
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti

    TAQSIMA 5
    Obbligi addizzjonali fuq il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għall-ġestjoni tar-riskji sistemiċi

    TAQSIMA 6
    Dispożizzjonijiet oħra dwar l-obbligi ta' diliġenza dovuta

    KAPITOLU IV
    IMPLIMENTAZZJONI, KOOPERAZZJONI, PENALI U INFURZAR

    TAQSIMA 1
    Awtoritajiet kompetenti u Koordinaturi nazzjonali tas-Servizzi Diġitali

    TAQSIMA 2
    Kompetenzi, investigazzjoni koordinata u mekkaniżmi ta' konsistenza

    TAQSIMA 3
    Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali

    TAQSIMA 4
    Superviżjoni, investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ fir-rigward tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna

    TAQSIMA 5
    Dispożizzjonijiet komuni dwar l-infurzar

    TAQSIMA 6
    Atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni

    KAPITOLU V
    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI


whereas    il-bord:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 647

 

Artikolu 35

Mitigazzjoni tar-riskji

1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom idaħħlu fis-seħħ miżuri ta' mitigazzjoni raġonevoli, proporzjonati u effettivi, imfassla għar-riskji sistemiċi speċifiċi identifikati skont l-Artikolu 34, b'kunsiderazzjoni partikolari għall-impatti ta' tali miżuri fuq id-drittijiet fundamentali. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu, meta applikabbli:

(a)

l-adattament tad-disinn, il-karatteristiċi jew il-funzjonament tas-servizzi tagħhom, inklużi l-interfaċċi online tagħhom;

(b)

l-adattament tat-termini u l-kondizzjonijiet u l-infurzar tagħhom;

(c)

l-adattament tal-proċessi tal-moderazzjoni tal-kontenut, inkluż il-ħeffa u l-kwalità tal-avviżi tal-ipproċessar relatati ma' tipi speċifiċi ta' kontenut illegali u, fejn xieraq, it-tneħħija rapida tal-kontenut notifikat jew id-diżattivazzjoni tal-aċċess għalih, b'mod partikolari fir-rigward ta’ diskors ta' mibegħda illegali jew vjolenza ċibernetika; kif ukoll l-adattament ta' kwalunkwe proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet rilevanti u riżorsi ddedikati għall-moderazzjoni tal-kontenut;

(d)

l-ittestjar u l-adattament tas-sistemi algoritmiċi tagħhom, inklużi s-sistemi ta' rakkomandazzjoni tagħhom;

(e)

l-adattament tas-sistemi ta' reklamar tagħhom u l-adozzjoni ta' miżuri mmirati bil-għan li jillimitaw jew jaġġustaw il-preżentazzjoni tar-reklami flimkien mas-servizz li jipprovdu;

(f)

it-tisħiħ tal-proċessi interni, ir-riżorsi, l-ittestjar, id-dokumentazzjoni jew is-superviżjoni ta' kull waħda mill-attivitajiet tagħhom b'mod partikolari fir-rigward tad-detezzjoni ta' riskju sistemiku;

(g)

il-bidu jew l-aġġustament tal-kooperazzjoni ma' sinjalaturi fdati f'konformità mal-Artikolu 22 u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet ta' korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti skont l-Artikolu 21;

(h)

il-bidu jew l-aġġustament tal-kooperazzjoni ma' fornituri ta' pjattaformi online jew ta’ magni tat-tiftix online oħra permezz tal-kodiċijiet ta' kondotta u l-protokolli ta' kriżi msemmija fl-Artikoli 45 u 48 rispettivament;

(i)

it-teħid ta' miżuri ta' sensibilizzazzjoni u l-adattament tal-interfaċċa online tagħhom biex ir-riċevituri tas-servizz jingħataw aktar informazzjoni;

(j)

it-teħid ta' miżuri mmirati għall-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal, inkluż għodod ta' verifika tal-età u ta' kontroll min-naħa tal-ġenituri, jew għodod immirati biex jgħinu lill-minorenni jissinjalaw abbuż jew isibu għajnuna, skont il-każ;

(k)

garanzija li element ta' informazzjoni, sew jekk jikkostitwixxi immaġni, awdjo jew vidjo ġġenerat jew immanipulat li jixbah apprezzabbilment persuni, oġġetti, postijiet, entitajiet jew avvenimenti oħra ta' veru u li f'għajnejn persuna jidher awtentiku jew veritier meta ma jkunx, ikun distingwibbli permezz ta' mmarkar prominenti meta ppreżentat fuq l-interfaċċi online tagħhom,; u, barra minn hekk, id-disponibbiltà ta' funzjonalità li tkun faċli biex tintuża u li tippermetti lir-riċevituri tas-servizz jindikaw informazzjoni bħal din.

2.   il-bord, b'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, għandu jippubblika rapporti komprensivi, darba fis-sena. Ir-rapporti għandhom jinkludu dan li ġej:

(a)

l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tal-aktar riskji sistemiċi prominenti u rikorrenti rrapportati mill-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna jew identifikati permezz ta' sorsi oħra ta' informazzjoni, b'mod partikolari dawk ipprovduti f'konformità mal-Artikoli 39, 40 u 42;

(b)

l-aqwa prattiki għall-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna biex jittaffu r-riskji sistemiċi identifikati.

Dawk ir-rapporti għandhom jippreżentaw ir-riskji sistemiċi mqassmin għal kull Stat Membru fejn ikunu seħħew u fl-Unjoni kollha kemm hi, kif applikabbli.

3.   Il-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, tista' toħroġ linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 fir-rigward ta' riskji speċifiċi, b'mod partikolari biex tippreżenta l-aqwa prattiki u tirrakkomanda miżuri possibbli, b'kunsiderazzjoni xierqa tal-konsegwenzi possibbli tal-miżuri fuq id-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta tal-partijiet kollha involuti. Meta tħejji dawk il-linji gwida, il-Kummissjoni għandha torganizza konsultazzjonijiet pubbliċi.

Artikolu 48

Protokolli ta' kriżi

1.   il-bord jista' jirrakkomanda li l-Kummissjoni tibda t-tfassil, f'konformità mal-paragrafi 2, 3 u 4, ta' protokolli ta' kriżi volontarji biex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet ta' kriżi. Dawk is-sitwazzjonijiet għandhom ikunu strettament limitati għal ċirkostanzi straordinarji li jaffettwaw is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika.

2.   Il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ u tiffaċilita lill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna, ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna u, meta xieraq, lill-fornituri ta’ pjattaformi online jew ta’ magni tat-tiftix online oħra, jieħdu sehem fit-tfassil, fl-ittestjar u fl-applikazzjoni ta' dawk il-protokolli ta' kriżi. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li dawk il-protokolli ta’ kriżi jinkludu waħda jew aktar mill-miżuri li ġejjin:

(a)

il-wiri prominenti ta' informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ta' kriżi pprovduta mill-awtoritajiet tal-Istati Membri jew fil-livell tal-Unjoni, jew, skont il-kuntest tal-kriżi, minn korpi affidabbli rilevanti oħra;

(b)

l-iżgurar li l-fornitur ta' servizzi intermedjarji jiddeżinja punt ta' kuntatt speċifiku għall-ġestjoni ta' kriżijiet; fejn rilevanti, dan jista' jkun il-punt ta' kuntatt elettroniku msemmi fl-Artikolu 11 jew, fil-każ ta' fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna, l-uffiċjal għall-verifika tal-konformità msemmi fl-Artikolu 41;

(c)

meta applikabbli, l-adattament tar-riżorsi dedikati għall-konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 16, 20, 22, 23 u 35 għall-ħtiġijiet li jirriżultaw mis-sitwazzjoni ta' kriżi.

3.   Il-Kummissjoni għandha tinvolvi, kif xieraq, lill-awtoritajiet tal-Istati Membri u tista' tinvolvi wkoll lill-korpi, lill-uffiċċji u lill-aġenziji tal-Unjoni fit-tfassil, fl-ittestjar u fis-superviżjoni tal-applikazzjoni tal-protokolli ta' kriżi. Meta meħtieġ u xieraq, fit-tfassil tal-protokolli ta' kriżi, il-Kummissjoni tista' tinvolvi wkoll lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jew organizzazzjonijiet rilevanti oħra.

4.   Il-Kummissjoni għandu jkollha l-għan li tiżgura li l-protokolli ta' kriżi jistabbilixxu b'mod ċar dan kollu li ġej:

(a)

il-parametri speċifiċi biex jiġi determinat x'jikkostitwixxi ċ-ċirkostanza straordinarja speċifika li l-protokoll ta' kriżi jipprova jindirizza u l-objettivi li jsegwi;

(b)

ir-rwol ta' kull parteċipant u l-miżuri li jridu jiġu stabbiliti waqt it-tħejjija u ladarba jiġi attivat il-protokoll ta' kriżi;

(c)

proċedura ċara biex jiġi determinat meta għandu jiġi attivat il-protokoll ta' kriżi;

(d)

proċedura ċara biex jiġi determinat il-perjodu li matulu għandhom jittieħdu l-miżuri li jridu jittieħdu ladarba jiġi attivat il-protokoll ta' kriżi, li tkun strettament limitata għal dak meħtieġ biex jiġu indirizzati ċ-ċirkostanzi straordinarji speċifiċi kkonċernati;

(e)

salvagwardji biex jindirizzaw kull effett negattiv fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta, b'mod partikolari l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni u d-dritt għal nondiskriminazzjoni;

(f)

proċess ta' rappurtar pubbliku dwar il-miżuri meħuda, it-tul ta' żmien u l-eżiti tagħhom, fi tmiem is-sitwazzjoni ta' kriżi.

5.   Jekk il-Kummissjoni jkun jidhrilha li protokoll ta' kriżi jonqos milli jindirizza b'mod effettiv is-sitwazzjoni ta' kriżi, jew milli jissalvagwardja l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali msemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 4, din għandha titlob lill-parteċipanti biex jirrevedu l-protokoll ta' kriżi, inkluż billi jieħdu miżuri addizzjonali.

KAPITOLU IV

IMPLIMENTAZZJONI, KOOPERAZZJONI, PENALI U INFURZAR

TAQSIMA 1

Awtoritajiet kompetenti u Koordinaturi nazzjonali tas-Servizzi Diġitali

Artikolu 60

Investigazzjonijiet konġunti

1.   Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jista' jniedi u jmexxi investigazzjonijiet konġunti bil-parteċipazzjoni ta' Koordinatur tas-Servizzi Diġitali wieħed jew aktar ikkonċernati:

(a)

fuq l-inizjattiva tiegħu stess, biex jinvestiga ksur allegat ta' dan ir-Regolament minn fornitur partikolari ta' servizzi intermedjarji f'diversi Stati Membri; jew

(b)

fuq rakkomandazzjoni tal-Bord, filwaqt li jaġixxi fuq it-talba ta' mill-inqas tliet Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali b’allegazzjoni, abbażi ta’ suspett raġonevoli, ksur minn fornitur partikolari ta' servizzi intermedjarji li jaffettwa r-riċevituri tas-servizz fl-Istati Membri tagħhom.

2.   Kwalunkwe Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jagħti prova li għandu interess leġittimu li jipparteċipa f'investigazzjoni konġunta skont il-paragrafu 1 jista' jitlob li jagħmel dan. L-investigazzjoni konġunta għandha tiġi konkluża fi żmien tliet xhur minn meta titnieda, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor fost il-parteċipanti.

Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jikkomunika l-pożizzjoni preliminari tiegħu dwar l-allegat ksur mhux aktar tard minn xahar wara tmiem l-iskadenza msemmija fl-ewwel subparagrafu lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali kollha, lill-Kummissjoni u lill-Bord. Il-pożizzjoni preliminari għandha tqis il-fehmiet tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali l-oħra kollha li jipparteċipaw fl-investigazzjoni konġunta. Fejn applikabbli, din il-pożizzjoni preliminari għandha tistipula wkoll il-miżuri ta' infurzar previsti.

3.   il-bord jista' jirreferi l-kwistjoni lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 59, meta:

(a)

il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment naqas li jikkomunika l-pożizzjoni preliminari tiegħu sal-iskadenza stabbilita fil-paragrafu 2;

(b)

il-Bord ma jaqbilx b'mod sostanzjali mal-pożizzjoni preliminari kkomunikata mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment; jew

(c)

il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment naqas li jniedi l-investigazzjoni konġunta minnufih wara r-rakkomandazzjoni mill-Bord skont il-paragrafu 1, punt (b).

4.   Fit-twettiq tal-investigazzjoni konġunta, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali parteċipanti għandhom jikkooperaw in bona fide ma' xulxin, filwaqt li jqisu, fejn applikabbli, l-indikazzjonijiet tal-Koordinatur tas-Servizz Diġitali tal-istabbiliment u r-rakkomandazzjoni tal-Bord. Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tad-destinazzjoni li jipparteċipaw fl-investigazzjoni konġunta għandhom ikunu intitolati, fuq talba tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jew wara li jkunu kkonsultawh, li jeżerċitaw is-setgħat ta’ investigazzjoni tagħhom imsemmija fl-Artikolu 51(1) fir-rigward tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji kkonċernati mill-allegat ksur, fir-rigward tal-informazzjoni u l-bini li jinsab fit-territorju tagħhom.

TAQSIMA 3

Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali

Artikolu 61

Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali

1.   Huwa stabbilit grupp konsultattiv indipendenti ta' Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali dwar is-superviżjoni tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji msejjaħ "Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali" (il-"Bord").

2.   il-bord għandu jagħti pariri lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u lill-Kummissjoni f'konformità ma' dan ir-Regolament biex jintlaħqu l-objettivi li ġejjin:

(a)

kontribut għall-applikazzjoni konsistenti ta' dan ir-Regolament u għal kooperazzjoni effettiva bejn il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u l-Kummissjoni rigward kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament;

(b)

koordinazzjoni u kontribut għal linji gwida u analiżi tal-Kummissjoni u tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u ta' awtoritajiet kompetenti oħra dwar kwistjonijiet emerġenti fis-suq intern rigward kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament;

(c)

assistenza lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u lill-Kummissjoni fis-superviżjoni tal-pjattaformi online kbar ħafna.

Artikolu 62

Struttura tal-Bord

1.   il-bord għandu jkun magħmul mill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali li għandhom ikunu rrappreżentati minn uffiċjali ta' livell għoli. In-nuqqas minn Stat Membru wieħed jew aktar li jiddeżinjaw Koordinatur tas-Servizzi Diġitali ma għandux jipprevjeni lill-Bord milli jwettaq il-kompiti tiegħu skont dan ir-Regolament. Meta previst mil-liġi nazzjonali, fil-Bord jistgħu jipparteċipaw awtoritajiet kompetenti oħra fdati b'responsabbiltajiet operazzjonali speċifiċi għall-applikazzjoni u l-infurzar ta' dan ir-Regolament flimkien mal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali. Awtoritajiet nazzjonali oħra jistgħu jiġu mistiedna għal-laqgħat, meta l-kwistjonijiet diskussi jkunu rilevanti għalihom.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippresjedi fuq il-Bord. Il-Kummissjoni għandha ssejjaħ il-laqgħat u tħejji l-aġenda f'konformità mal-kompiti tal-Bord skont dan ir-Regolament u skont ir-regoli ta' proċedura tiegħu. Meta l-Bord jintalab jadotta rakkomandazzjoni skont dan ir-Regolament, huwa għandu immedjatament irendi t-talba disponibbli għall-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali l-oħra permezz tas-sistema ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni stipulata fl-Artikolu 85.

3.   Kull Stat Membru għandu jkollu vot wieħed. Il-Kummissjoni ma għandux ikollha drittijiet tal-vot.

Il-Bord għandu jadotta l-atti tiegħu b'maġġoranza sempliċi. Meta jadotta rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 36(1), l-ewwel paragrafu, il-Bord għandu jivvota fi żmien 48 siegħa wara t-talba tal-President tal-Bord.

4.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi appoġġ amministrattiv u analitiku għall-attivitajiet tal-Bord skont dan ir-Regolament.

5.   il-bord jista' jistieden esperti u osservaturi biex jattendu l-laqgħat tiegħu, u jista' jikkoopera ma' korpi, uffiċċji, aġenziji u gruppi konsultattivi oħra tal-Unjoni, kif ukoll ma' esperti esterni kif xieraq. Il-Bord għandu jagħmel ir-riżultati ta' din il-kooperazzjoni disponibbli għall-pubbliku.

6.   il-bord jista' jikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati u għandu jagħmel ir-riżultati ta' tali konsultazzjoni disponibbli għall-pubbliku.

7.   il-bord għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu, wara l-kunsens tal-Kummissjoni.


whereas









keyboard_arrow_down